https://vimeo.com/313008575

Il-proċess tal-"kandidati ewlenin" jew "Spitzenkandidaten", li tħaddem għall-ewwel darba fl-elezzjonijiet Ewropej tal-2014, jagħti vuċi liċ-ċittadini Ewropej fir-rigward tal-kandidati għall-kariga ta' President tal-Kummissjoni tal-UE.

Lead candidates infographics   
Lead candidates and the election of the European Commission

Fuq il-bażi tar-riżultati tal-elezzjonijiet Ewropej, il-Parlament Ewropew jeleġġi wieħed jew waħda mill-kandidati prinċipali President tal-Kummissjoni, wara proposta formali mill-Kapijiet ta' Stat u ta' Gvern, li se jqisu l-eżitu tal-elezzjonijiet Ewropej.

Dan ġara għall-ewwel darba fl-2014, meta l-kandidat prinċipali tal-Partit Popolari Ewropew, Jean-Claude Juncker, inħatar President tal-Kummissjoni. Qabel l-elezzjonijiet tal-2014, il-ħames partiti politiċi Ewropej innominaw il-"kandidati ewlenin" tagħhom.


Proċess aktar trasparenti u demokratiku

Il-Kummissjoni Ewropea rrakkomandat ukoll li l-proċess ta’ "kandidati ewlening" għandu jitkompla u jittejjeb għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew tal-2019. Sa tmiem l-2018, il-partiti nazzjonali u Ewropej għandhom iħabbru l-"kandidat li se jkunu qed jappoġġjaw għall-kariga tal-President tal-Kummissjoni u, idealment sa tmiem l-2019, il-programm ta' dan il-kandidat", tosserva l-Kummissjoni.


Il-partiti Ewropej jinnominaw il-kandidati prinċipali

Matul il-kungressi tal-partiti fil-ħarifa u fix-xitwa tal-2018, mistennija ssir in-nomina tal-kandidati prinċipali. Dawn se jikkonfrontaw il-fehmiet politiċi tagħhom dwar il-futur tal-Ewropa f'dibatittu dirett (jew f'żewġ dibattiti diretti) organizzat(i) matul il-kampanja fl-2019.

Partit politiku Ewropew huwa partit politiku li jopera fuq il-livell Ewropew u jkun kompost mill-partiti nazzjonali bbażati fl-Istati Membri. F'April 2018 ġew approvati r-Regoli ġodda ta' finanzjament tal-partiti politiċi u tal-fondazzjonijiet politiċi Ewropej.


Partit Popolari Ewropew (PPE)

Il-PPE eleġġa lil Manfred Weber (CSU, il-Ġermanja) bħala l-kandidat ewlieni tiegħu għall-elezzjonijiet Ewropej fit-8 ta’ Novembru 2018, fil-kungress tal-partit f’Ħelsinki. Weber, 46, beda l-karriera politika tiegħu fil-parlament reġjonali ta’ Bayern fl-2002. Huwa ġie elett għall-Parlament Ewropew fl-2004. Mill-2014, huwa serva bħala l-kap tal-grupp tal-PPE fil-Parlament Ewropew. Il-kandidat kiseb il-lawrija tiegħu fl-inġinerija fiżika fl-Università tax-Xjenza Applikata ta’ Munich. @ManfredWeber


Partit tas-Soċjalisti Ewropej (PSE)

Il-kandidat ewlieni tal-Partit tas-Soċjalisti Ewropej (PES), Frans Timmermans, 57, intgħażel mill-kungress tal-membri f’Liżbona fis-7-8 ta’ Diċembru 2018.


Timmermans (PvdA, L-Olanda) huwa attwalment l-Ewwel Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea. Ġie elett għall-ewwel darba fit-tieni kamra tal-Parlament Olandiż fl-1998. Mill-2007 u l-2010 huwa kien is-Segretarju tal-Istat għall-Affarijiet Ewropej, u mill-2012 sal-2014 kien il-Ministru għall-Affarijiet Barranin. Is-Sur Timmermans għandu lawrija fil-lingwa u l-litteratura Franċiża mill-università ta’

Radboud. @timmermansEU


Alleanza tar-Riformisti tal-Ewropa (ACRE)


Jan Zahardil (Partit Demokratiku Ċiviku, ir-Repubblika Ċeka) inħatar bħala l-kandidat ewlieni għall-partit tiegħu fl-14 ta’ Novembru.


Zahardil, 55, huwa membru tal-Parlament Ewropew (grupp tal-ECR) mill-2004 u serva bħala l-President tal-Konservattivi u r-Riformisti tal-Ewropa (ACRE). Qabel l-2004, kien membru tal-Kamra tad-Deputati tar-Repubblika Ċeka. Is-Sur Zahradil huwa riċerkatur bħala professjoni, b’lawrija fl-inġinerija mill-Università tal-Kimika u t-Teknoloġija fi Praga. @zahradilJan


Partit tal-Ħodor Ewropej

Ska Keller, 37, u Bas Eickhout, 42, huma ż-żewġ kandidati ewlenin magħżula mill-Partit tal-Ħodor Ewropej (EGP) matul il-kungress tiegħu fit-23-25 ta’ Novembru f’Berlin.


Ska Keller (Bündnis 90/Die Grünen, il-Ġermanja) studjat l-Istudji Islamiċi, it-Turkoloġija u l-Lhudi fl-Universita Ħielsa ta’ Berlin u s-Sabanci Üniversitesi ta’ Istanbul. Maħtura għall-Parlament Ewropew għall-ewwel darba fl-2009, hija kienet l-kandidat ewlieni għall-EGP fil-kampanja tal-elezzjonijiet Ewropej tal-2014. Keller hija l-viċi president tal-grupp tal-Ħodor fil-Parlament Ewropew. @SkaKeller


Bas Eickhout (GroenLinks, l-Olanda) studja x-xjenza kimika u ambjentali fl-università ta’ Radbund f’Nijmegen. Aktar tard sar riċerkatur fl-Aġenzija tal-Valutazzjoni Ambjentali fl-Olanda. Huwa kien membru tal-Parlament Ewropew mill-2009. @BasEickhout


Allejanza tal-Liberali u d-Demokrati għall-Ewropa (ALDE)

Matul il-kungress tiegħu ta’ Madrid, il-partit tal-ALDE ħabbar il-pjanijiet biex jintgħażel tim ta’ mexxeja minflok persuna waħda, għall-kampanja tal-elezzjonijiet Ewropej. Il-president tal-partit tal-ALDE ġie inkarigat biex jissuġġerixxi tim ta’ massimu 9 persuni, li għandu jiġi approvat matul kungress elettorali f’Berlin fil-bidu tal-2019.


Aktar aġġornamenti dwar il-partiti politiċi jiġu miżjuda iżjed tard.


L-appoġġ popolari għall-UE u l-proċess tal-kandidati ewlenin qed jogħla


L-istħarriġ reċenti (Novembru 2018) juri li 67% ta’ dawk li rrispondew jgħidu li dan il-proċess jirrappreżenta progress importanti għad-demokrazija fl-UE (61% f’April 2018) u jtejjeb il-proċess ta’ trasparenza fl-elezzjoni tal-President tal-Kummissjoni Ewropea (63%).

 

Il-Parlament lest jirrifjuta kwalunkwe kandidat għall-kariga tal-President tal-Kummissjoni li ma jkunx ġie nnominat bħala "kandidat prinċipali".

F'riżoluzzjoni vvutata fi Frar, il-Parlament wissa li lest jirrifjuta kwalunkwe kontendent għall-kariga tal-President tal-Kummissjoni li ma jkunx ġie nnominat bħala "kandidat ewlieni" qabel l-elezzjonijiet Ewropej tal-2019. Id-deputati Ewropej żiedu jgħidu li l-Kummissarji Ewropej fil-kariga jistgħu joħorġu bħala kandidati prinċipali qabel l-elezzjonijiet Ewropej mingħajr ma l-ewwel ikollhom għalfejn jieħdu liv bla ħlas, iżda ma jistgħu jużaw la r-riżorsi umani u lanqas dawk materjali tal-Kummissjoni għal ebda attività marbuta mal-kampanja elettorali.

back to top